
Il-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti direttament għal ħames snin. Kull pajjiż għandu l-liġi elettorali tiegħu, iżda ċerti regoli japplikaw għal kulħadd.
Il-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu eletti kull ħames snin. Il-Parlament hu l-unika assemblea transnazzjonali eletta fid-dinja u jirrappreżenta l-interessi taċ-ċittadini tal-UE fil-livell Ewropew. Huwa jeleġġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea, jaħtar il-Kummissarji tagħha (bħala kulleġġ) u jżommhom responsabbli. Il-Parlament jgħaddi liġijiet li jipproteġuna u jfassal il-baġit f'isimna. Jirrappreżentana barra mill-Ewropa u jieħu azzjoni fuq il-petizzjonijiet tagħna. Id-diskorsi tal-Membri tiegħu jsawru l-aġenda politika u soċjali tagħna, li tiddefendi l-valuri tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea:
Mill-2014, il-partiti politiċi bdew jiġu mħeġġa jaqblu fuq kandidat prinċipali (jew 'Spitzenkandidat') biex imexxi l-kampanja elettorali tagħhom fl-UE u jkun il-kandidat uffiċjali għall-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kandidat prinċipali nominat mill-Kunsill, u li jkun kapaċi jiġbor maġġoranza fil-Parlament, jiġi elett President tal-Kummissjoni Ewropea b'votazzjoni fil-Parlament.
Ir-riżultati tal-elezzjonijiet jitħabbru b'mod dirett (fuq dan is-sit) kif jiġu ddikjarati nhar il-Ħadd 26 ta' Mejju 2019.
Malli joħorġu r-riżultati, il-Membri l-ġodda tal-Parlament il-ġdid jibdew jaħdmu mill-ewwel biex jiffurmaw il-gruppi politiċi. Il-kompożizzjoni politika tal-Parlament il-ġdid tista' titlob li jiġu ffurmati alleanzi ġodda, u jistgħu jinħolqu gruppi li ma kinux jeżistu. Fl-ewwel sessjoni plenarja tiegħu, il-Parlament irid jeleġġi l-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew. Imbagħad, il-Parlament jeleġġi l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea u aktar tard jeżamina u japprova l-Kummissjoni kollha kemm hi.