Il-Parlament Ewropew jieħu deċiżjonijiet kbar: dwar kif se nagħmlu biex inkabbru l-ekonomija, kif se nużaw inqas enerġija, kif niżguraw li l-ikel li nieklu ma jagħmlilniex ħsara. Meta tivvota, tkun qed tagħżel min jieħu dawn id-deċiżjonijiet u xi jfissru għat-tip ta' dinja li tixtieq tgħix fiha. Jekk ma tivvutax, ma jkollokx vuċi.
Id-dinja qed tiffaċċja ħafna sfidi, mill-migrazzjoni sat-tibdil fil-klima. Iżda meta l-problemi naqsmuhom bejnietna, is-soluzzjonijiet insibuhom aktar malajr. L-Unjoni hija minn ta' quddiem fl-innovazzjoni u l-investiment li għandna bżonn biex, pereżempju, nindirizzaw it-tibdil fil-klima. U qed taħdem biex tipproteġi l-istil ta' ħajja u l-privatezza tagħna. Il-vot tiegħek jagħtiha s-saħħa li teħtieġ biex tagħmel dan.
Ħarsa madwarna malajr turina kemm l-hekk imsejħa 'veritajiet' li ma jiġux ikkontestati jistgħu jibdlu d-diversità f'firda. U kemm id-demokrazija tista' tkun fraġli. L-Unjoni tagħna hi bbażata fuq ir-rispett li lkoll għandna għad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi. Bil-vot tiegħek tkun qed tafferma dawk id-drittijiet, għalik innifsek u għall-oħrajn.